Mammiferu

Mammiferi
Firxa tal-fossili: Tard fit-Triassiku - Reċenti
Tigra (Panthera tigris)
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Chordata
Sottophylum: Vertebrata
Klassi: Mammalia
Ordnijiet

(ordnijiet estinti esklużi)

Il-Mammiferi (klassi Mammalia) huma klassi bijoloġika ta' annimali vertebrati, ikkaratterizzati bil-preżenza ta' glandoli tal-għaraq (inklużi dawk il-glandoli tal-għaraq li fin-nisa huma mmodifikati b'tali mod li jipproduċu l-ħalib, 'l hekk imsejjħa glandoli mammarji), xagħar (suf, pil jew fer), tliet għadmiet fil-widna nofsanija (li huma wżati fis-smigħ), u b'parti fil-moħħ imsejħa in-neokortiċi.

Il-mammiferi kollha minbarra il-monotremati minflok n, iwelldu iż-żgħar tagħhom mal-ewwel ħajjin u l-Plaċentati. li huma l-akbar grupp fil-klassi Mammalia, tul it-tqala jew il-ġestazzjoni tagħhom jagħmlu użu minn plaċenta.

Il-biċċa l-kbira tal-mammiferi għandhom ukoll snien speċjalizzati u moħħ li jirregola is-sistema endotermika (din hija s-sistema li tirregola it-temperatura tal-ġisem u b' hekk il-mammiferi jissejħu annimali ta' demmhom sħun) u s-sistema ċirkolatorja, li tinkludi qalb maqsuma f' 4 kavitajiet.

Mammiferi hemm 'il fuq minn 5,500 speċi (inkluż il-bniedem li jagħmel parti mill-ordni Primates). Id-daqs tagħhom ivarja minn dak tal-farfett il-lejl imnieħer il-qażquż ta' Kitti li ma jikbirx aktar minn 40 millimetru u dan huwa meqjus bħala l-iżgħar jew wieħed mill-iżgħar mammiferi ħajjin, għall-akbar mammiferu u l-akbar annimal li qatt eżista fid-dinja, l-baliena kaħla li kapaċi tilħaq it-tul ta' 33 metru. Dawn il-mammiferi qegħdin imqassmin bejn wieħed u ieħor f' 1,200 ġeneru, f' 153 familja u f' 29 ordni[1], għalkemm dan ivarja minn klassifikazzjoni għal oħra u tagħmel differenza kbira ma' liema skema wieħed jimxi.

Il-biċċa l-kbira tal-mammiferi jagħmlu parti mill-grupp tal-plaċentati jew kif jissejħu ukoll ewterjani. L-akbar 6 ordnijiet f' din is-sottoklassi huma, ir-Rodenzja (il-mammiferi gerriema, bħall-iskojjatli, il-kastori, il-ġrieden u l-firien), il-Kiroptera (il-mammiferi li jtiru tajran ta' veru bħal-friefet il-lejl u l-volpijiet tal-ajru), il-Primati (il-mammiferi primati bħal-galaguni, il-lemuri, it-tarsieri, ix-xadini tad-dinja l-ġdida bħal-marmosetti u t-tamarini, ix-xadini tad-dinja il-qadima bħal-mandrilli u l-makakki u x-xadini antropomorfi jew xadini bla-denb bħal-gibbuni, l-orangutani, il-gorilli, iċ-ċimpanzè il-bonobo u l-bniedem), is-Sorikomorfa (il-mammiferi insettivori bħal-ġriedem ta' geddumhom twil, is-solenodonti, it-talpi u t-tażmani), iċ-Ċetarzjodaktila (il-mammiferi tad-dwiefer biż-żewġ bħaċ-ċriev, in-nagħaġ, il-mogħoż u l-baqar, flimkien maċ-ċetaċi bħal-baleni, d-dniefel u l-foċeni) u l-Karnivora (il-mammiferi il-jieklu l-laħam bħal-klieb, il-qtates, l-orsijiet, il-panda ż-żgħir, il-bumerini u l-iljuni tal-baħar),.

Filoġenetikament il-klassi Mammalia tiġi definita bħala d-dixxendenti kollha tal-antenat komuni l-aktar reċenti tal-prototerjani jew monotremati (eż. l-ekidni u l-platipi) u terjani (il-marsupjali jew metaterjani u l-plaċentati jew ewterjani). Dan ifisser li wħud mill-gruppi estinti tal-mammiferi m'humiex membri tal-klassi Mammalia, avolja l-parti l-kbira ta' dawn għandhom il-karatteristiċi kollha li tradizzjonalment kienu jikklassifikawhom bħala mammiferi. Normalment dawn il-"mammiferi" llum il-ġurnata saru jiġu kklassifikati bħala parti mil-klad bla rank imsejjaħ Mammaliaformes.

Il-linja tad-dixxendenza tal-mammiferi iddiverġiet minn dik tas-sawropsidi lejn it-tmiem tal-perjodu Karboniferu. Is-sawropsidi komplew evolvew fir-rettili u fl-għasafar moderni tal-ġurnata tal-lum, filwaqt li mil-fergħa tas-sinapsidi li ddiverġiet minn dik tas-sawropsidi evolvew il-mammiferi. L-ewwel mammiferi veri dehru għall-ewwel darba fil-perjodu Ġurassiku. L-ordnijiet tal-mammiferi moderni dehru fl-epoki tal-Palaeoċen u l-Eoċen tal-perijodu Palaeoġen.

Ekidna tal-munqar qasir (Tachyglossus aculeatus) hija speċi ta' mammiferu li tagħmel parti mis-sottoklassi Prototheria li huma magħrufin ukoll bħala mammiferi monotremati
Kangarù aħmar (Macropus rufus) huwa speċi ta' mammiferu li jagħmel parti mis-sottoklassi Theria u l-infraklassi Metatheria magħrufin ukoll bħala mammiferi marsupjali
  1. ^ Wilson, Don E.; Reeder, Deeann M., ed. (2005). Mammal Species of the World: A Taxonomic and Geographic Reference (bl-Ingliż) (3et ed.). Baltimore: Johns Hopkins University Press. ISBN 978-0-8018-8221-0. OCLC 62265494.

From Wikipedia, the free encyclopedia · View on Wikipedia

Developed by Tubidy